Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent – Sena B
· Bi tħejjija għall-Milied, nhar l-Erbgħa, wara l-quddiesa tas-6.30pm, il-knisja se tibqa’ miftuħa sat-8.00pm għaċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-Maħfra. Se jkun hawn diversi saċerdoti disposti għall-Qrar.
· Il-Ħamis, lejlet il-Milied, il-quddies filgħaxija (tal-Vġili) jkun fil-5.15pm u fis-6.30pm.
· Din is-sena, minħabba ċ-ċirkustanzi, id-Dimostrazzjoni bil-Bambin mhux se ssir. Però, fil-Knisja Parrokkjali se jkun hawn quddiesa tal-Milied animata bi stil għat-tfal fit-8.00pm. Għal din il-quddiesa nħeġġu lit-tfal biex jiġu liebsa ta’ anġli jew ragħajja. Aktar dettalji mill-paġna tal-Facebook Quddies tat-Tfal Siġġiewi.
· Imbagħad il-Knisja terġa’ tiftaħ fil-10.45pm biex fil-11.15pm tibda Velja bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Lejl Qaddis tal-Milied bis-sehem tal-Kor Parrokkjali u wara ssir il-Prietka, li dis-sena se ssir minn Edera Pace. Din twassalna għall-Quddiesa solenni tal-Milied f’Nofsillejl. Dan kollu ser ikun qed jiġi mxandar b’mod dirett fuq il-paġna tal-Facebook Parroċċa San Nikola Siġġiewi.
· Il-Ġimgħa, Jum il-Milied, il-quddies ikun kollu bħal ta’ nhar ta’ Ħadd.
· Bħalma nagħmlu kull sena, l-aħħar tliet ijiem tas-sena (mid-29 sal-31 ta’ Diċembru) ikunu ġranet ta’ adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat – il-Kwaranturi. Biex niżguraw li l-ħin kollu jkun hawn persuni quddiem Ġesù Sagramentat, fejn il-bieb tal-ġenb tal-knisja u fis-sagristija hemm karti fejn wieħed jista’ jikteb ismu u jikkommetti ruħu li jiġi għall-adorazzjoni f’ħin partikulari tul it-tlett ijiem. B’hekk bħala komunità nkunu qed noħolqu katina sħiħa ta’ adorazzjoni quddiem Ġesù.
· Infakkru li bħala parroċċa nistgħu ngħinu lill-familji fil-bżonn fi ħdan il-komunità tagħna billi nġibu għotjiet ta’ ikel li nistgħu nħalluhom fil-qfief li hawn fuq quddiem tal-knisja.
· F’ismi u f’isem il-Kleru tal-Parroċċa nawgura lilkom u lill-familji tagħkom il-Milied it-tajjeb u Qaddis.
· Nitolbu għall-erwieħ ta’ Emmanuel Bonello, Antonia Caruana, Anthony Schembri, Grace Farrugia u Rita Sammut li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. “Agħtihom O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem ...”
Comentários