Il-Knisja Parrokkjali

Il-parroċċa tas-Siġġiewi hija waħda mit-tmien parroċċi ewlenin imwaqqfa minn Mons. Isqof Senatore De Mello fl-1436. Dak iż-żmien il-knisja ewlenija kienet il-knisja li nsibu fdalijiet tagħha fi Triq il-Knisja l-Qadima (ftit 'l isfel mill-Museum tas-Subien).

Lejn l-aħħar ta' Novembru tal-1675 kien inbeda x-xogħol ta' tħaffir u qtugħ tal-ġebel biex tinbena knisja ġdida. L-ewwel ġebla tal-knisja preżenti tqiegħdet fid-19 ta' April tal-1676 mill-kappillan Dun Dumink Farrugia. Fit-22 ta' Novembru 1682, tlestie il-korsija tal-knisja. Ftit wara nbena x-xogħol tal-bini tal-kor, il-kappelluni u taż-żewġ kampnari. Il-konsagrazzjoni tal-knisja saret mill-Isqof Fra Pawlu Alpheran de Bussan nhar l-1 ta' Mejju tal-1729. Il-pjanta tal-knisja, li hi forma ta' salib Latin, hija ta' Lorenzo Gafà.

L-ewwel sett ta' qniepen li kellha l-knisja tagħna saru f'Novembru tal-1734. Fl-14 ta' Settembru tal-1862 tpoġġiet l-ewwel ġebla taż-żewġ navi mal-ġnub tal-korsija u tal-portiku tal-faċċata. Dawn saru fuq id-disinn tat-Tabib Nikola Zammit u tlestew lejn l-aħħar tas-sena 1864.

Il-koppla tal-knisja bdiet tinbena fl-1917 u tlestiet sentejn wara, jiġifieri fl-1919. Il-perit tagħha kien Andrea Vassallo minn Ħal-Lija waqt li l-bennej kien Pietru Mallia mis-Siġġiewi. Is-salib li nsibu fuq il-koppla kien ittella' fit-23 ta' Novembru tal-1919.

L-iskultura tal-knisja bdiet fl-1707 minn Pawlu Galea flimkien ma' ibnu Ġużeppi. Fl-istess żmien insibu li saru ż-żewġ statwi tal-ġebel li nsibu fil-kor, l-istatwi ta' San Pietru u San Pawl. Fl-1727 tlestiet il-kannierja tal-knisja li fiha kien isir id-dfin tas-saċerdoti.

Il-knisja tagħna fiha 10 artali inkluż dak tat-Titular li jinsab fil-kor. Il-kwadru titulari huwa xogħol ta' Mattia Preti.